Bormla (Città Cospicua) saret parroċċa fl-1586 wara li kienet separata minn ma’ dik tal-Birgu (Città Vittoriosa) fl-1584. Il-Knisja Parrokkjali, iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, ġiet elevata għad-dinjità ta’ kolleġġjata fl-1822. Il-pittura titulari tagħha hija xogħol Peter Paul Caruana, li kien ispirat minn Ludovic Mifsud Tommasi. F’din il-knisja, hemm ukoll l-Oratorju tal-Kurċifiss (1731) li wieħed jista’ jaċċessa wkoll minn daħla separata fi Triq l-Oratorju. San Ġwann Almoner - din il-kappella hija ddedikata lil San Ġwann Almoner (The Almsgiver) li twieled fis-sena 556 f'Ċipru. Il-knisja oriġinali ddedikata lil dan il-qaddis inbniet fl-1373 iżda ma kinitx tinsab fl-istess post. Il-post eżatt għadu mhux magħruf iżda probabbilment kien ftit barra mil-Linji Margerita. Il-knisja l-qadima nqerdet minħabba l-bini tal-Linji tal-Kottonera. Patri Fra Pierre Vianny iffinanzja l-kappella preżenti fl-1682 (kitba fuq il-faċċata turi din id-data) f’żona magħrufa bħala San Ġwann t’Għuxa. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-kappella sofriet diversi ħsarat. Il-kwadru titulari, u lunetta żgħira li ddawwarha – iż-żewġ xogħlijiet ta’ Mattia Preti, illum il-ġurnata huma kkonservati fil-Mużew Nazzjonali tal-Belle Arti fil-Belt Valletta (Città Umilissima) u flokhom tpoġġew kopji fil-kappella.