Merħba għall-Kunsill Lokali ta’ Bormla
Live Streaming
Esplora
Permessi Lokali
Skopri
Previous slide
Next slide

Iż-żona li llum iġġib l-isem ta’ Bormla (Città Cospicua) kienet diġà abitata fiż-żmien megalitiku. Instabu tliet strutturi megalitiċi flimkien ma’ ħafna frak, għodda u żnied. 

Fi żmien il-Feniċi, Bormla serviet bħala kenn għax-xwieni tagħhom. Instabu postijiet ta’ dfin fil-wied ta’ Għajn Dwieli u mal-ġnub tal-għoljiet Ta’ Ġerman u l-għoljiet Ta’ Kordin. 

Matul l-okkupazzjoni Kartaġiniża u Rumana tal-gżira, il-faċilitajiet tal-Port kienu ġew imtejba u sfruttati, iżda din id-darba l-attività mxiet lejn il-bajja l-oħra ta’ Bormla, Dockyard Creek, f’qiegħ il-widien bejn Santa Margerita, Tal-Ġonna u Ta’ Ġerman. Il-leġġendi jgħidu li San Pawl kien ħalla l-gżira fis-sena 61 A.D. minn din il-qala. 

Matul dawn il-jiem xi għerien fl-inħawi servew bħala postijiet ta’ ġabra, talb u qima. Kappella maqtugħa fil-blat li tmur mill-era Kristjana bikrija jew Biżantina hija mħaffra fin-naħa tal-irdum tad-Dockyard Creek preżenti, li qabel kienet bajja ramlija komda. Ġiet skoperta mill-ġdid kappella waqt li tneħħa t-tifrik li ħalliet it-Tieni Gwerra Dinjija.